Aġġornata: Il-PN jitfa’ l-ħtija fuq il-Ministru tal-Edukazzjoni għal stennija żejda

Il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li l-Ministru Evarist Bartolo, qiegħed jgħawweġ il-fatti biex jipprova jgħatti l-verita’ u l-iżbalji tiegħu u l-fatt li llum hemm kważi 800 tifel u tifla fil-bżonn li qed jistennew biex jarahom l-iStatemending Board.
Dan kollu seħħ għax fi kliem il-Partit Nazzjonalista, kien Evarist Bartolo stess li wara l-elezzjoni neħħa wieħed miż-żewġ Bordijiet li kien hemm sal-aħħar elezzjoni.
Il-Kelliem Nazzjonalista għall-Edukazzjoni, George Pullicino, qal li mhux veru li t-tieni Bord twaqqaf jaħdem f’Dicembru 2012 għaliex fi kliemu dan baqa’ jitlaqqa’ sa ftit ġranet qabel l-elezzjoni ġenerali tat-8 ta’ Marzu 2013. 
L-istqarrija tkompli tgħid li x-xogħol li għamel dan it-tieni Bord għen biex titnaqqas il-lista ta’ stennija.
Reazzjoni tal-Gvern
Intant b'reazzjoni l-Gvern irribatta dak li qal il-kelliem Nazzjonalista u tenna li t-tieni Bord spiċċa jopera fil-15 ta' Diċembru 2012.
Il-Gvern qal li t-tieni Bord kien sar biex il-Gvern preċedenti ma jimbarazzax ruħu b'lista ta' stennija twila qabel l-elezzjoni.