Il-PN jistaqsi jekk VGH telqux minn Malta f’Marzu

Fid-dawl tal-aħbar żvelata ilbieraħ li l-kumpanija Vitals Global Healthcare inxtrat minn Steward Health Care System, il-Partit Nazzjonalista staqsa jekk hux veru li l-kumpanija ilha li telqet minn Malta minn Marzu.
F’numru ta’ mistoqsijiet ippubblikati lill-midja, il-Partit Nazzjonalista jistaqsi wkoll lill-Gvern kif ħadd ma kien infurmat.
Fakkar kif sentejn ilu, il-Vitals Health Care kienu ingħataw “konċessjoni dubjuża” biex joperaw l-isptarijiet Karin Grech, Saint Luke’s, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal 30 sena.
Fost numru ta’ mistoqsijiet oħra, il-Partit Nazzjonalista staqsa għaliex din telqet minn Malta u jekk il-liġijiet Ewropej jippermettux li s-sidien ta’ Vitals jibqgħu moħbija.
Staqsa wkoll lill-Gvern biex ladarba il-ftehim ma għadux fis-seħħ, hux lest jippublika il-kuntratt kollu ma’ VGH “mingħajr ċensuri bil-linji suwed”.
Il-PN qal li jinsab imħasseb b'dan il-każ li fi kliemu sejjaħlu bħala “xempju ta' nuqqas ta' trasparenza u nuqqas ta' governanza tajba”.
Temm jgħid li hemm bżonn ta’ “tweġibiet ċari u mingħajr ħabi”, filwaqt li talab assigurazzjoni li dan it-trasferiment mhux se jaffettwa ħażin lill-pazjenti u lilll-istaff.
Ilbieraħ, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal ma’ Newsbook.com.mt li t-taħditiet ilhom għaddejjin diversi xhur filwaqt li l-ftehim ġie ffirmat ilbieraħ filgħaxija.
Il-Partit Demokratiku qajjem numru ta’ mistoqsijiet oħra dwar dan il-bejgħ filwaqt li l-General Workers’ Union serrħet ras il-ħaddiema tat-tliet sptarijiet.