Il-PN jistaqsi jekk tnaqqsitx il-paga tal-persons of trust

Il-PN qal li l-ħaddiema mitluba jagħmlu s-sagrifiċċji jagħmlu sew jistaqsu jekk il-paga tal-persons of trust tal-Gvern tnaqqsitx ukoll.

Fi stqarrija l-PN qal li ħafna kienu qed jistennew atteġġjament differenti min-naħa tal-Gvern fil-konfront ta’ dawk il-ħaddiema li qed jaffaċċjaw diffikultajiet minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

“Għandhom raġun il-ħaddiema li qed ikunu mitluba jagħmlu s-sagrifiċċji bħalissa isaqsu jekk il-management tal-kumpaniji tal-Gvern bħal persons of trust, l-ammont kbir ta’ konsulenti mal-Gvern u nies tal-qalba oħra hux qed jaffaċċjaw l-istess theddida jew tnaqqsitx fil-paga tagħhom sabiex tingħata lil dawk fil-bżonn,” qal il-PN.

Skont il-PN, issa kien imiss li jitkeċċew 108 bdot tal-Air Malta kif ukoll ħaddiema fil-manifattura li se jkunu fuq forced leave u ġimgħa mnaqqsa ta’ erbat ijiem.

Il-PN staqsa x’għajnuna qed joffri l-Gvern lill-kumpaniji u dwar id-dawl, l-ilma, u l-fuel li qal li baqgħi għoljin.

“Tajjeb infakkru li l-maġġoranza tal-ħaddiema inqatagħlhom l-overtime, tnaqqsitilhom il-paga, tilfu allowances jew saħansitra tilfu l-impieg jew kienu mġiegħla jagħlqu l-ħanut tagħhom. Oħrajn qed ikunu kostretti jmorru x-xogħol għax jafu li ħadd mhu se jagħmel tajjeb għalihom,” qail il-PN.

Il-Gvern salva aktar minn 60,000 impjieg skont il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn