Il-PN jistaqsi jekk f’Malta teżistix inklussività

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn li wieħed iħares lil hinn mill-istatistiċi tal-GDP u jara li jkun hemm soċjetà aħjar. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia żied li wieħed għandu jistaqsi jekk f’Malta hawnx soċjetà inklussiva li tapprezza x-xogħlijiet li jsiru minn diversi persuni sabiex is-soċjetà tkun aħjar.

Adrian Delia qal dan waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista ta’ qabel il-baġit fil-qasam soċjali. Delia semma li mill-Indipendenza ‘l hawn il-gvernijiet ħadmu sabiex isaħħu l-ekonomija ta’ Malta mingħajr ma tkun issagrifikata l-kuxjenza soċjali.

Matul din il-konferenza stampa tkellem ukoll il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għas-Solidarjetà Soċjali Claudio Grech u l-Kelliem għall-Oppożizzjoni kontra l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo li flimkien spjegaw il-proposti tal-PN ta’ qabel il-baġit ta’ din is-sena.

F’dawn it-12-il proposta l-Partit Nazzjonalista qal li għandu jkun hemm ħolqien ta’ linja bażi tad-drittijiet soċjali bil-għan li tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tal-persuna l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà.

Miżura oħra hija li jkun hemm tfassil ta’ sistema ta’ trasferimenti soċjali mibnija madwar il-ħtiġijiet tal-individwi u mhux aktar waħda.

Proposta oħra hija li għandu jkun hemm qafas għall-pagi ġusti u kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw id-dinjità tal-individwu għal ħajja diċenti. Żiedu li għandu jkun hemm sforz akbar u b’serjetà biex jieqfu ċ-cheap labour, il-prekarjat u l-in-work poverty.

Il-PN appella biex id-drittijiet tat-tfal għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-protezzjoni soċjali, fejn l-ebda tifel jew tifla ma taqa’ lura. Komplew li għandhom jiġu stabbiliti d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf bili tingħata l-protezzjoni kollha possibbli.