Il-PN jistaqsi għalfejn “it-theddid” ta’ Joe Debono Grech m’huwiex aħbar għall-PBS

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija tal-“mistħija” li sa ġurnata wara li d-Deputat Laburista Joe Debono Grech, għajjar u hedded lid-Deputata Marlene Farrugia, l-istazzjon nazzjonali ma ġab xejn dwar dan fl-aħbarijiet.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista ddeskriva dan bħala “ċensura” għax għażel li jaħbi din l-aħbar mit-telespattur, is-semmiegħa u l-qarrejja.
Waqt dibatittu fil-Parlament il-Ġimgħa filgħaxija, f’ħin minnhom kien hemm ħafna għajjat bejn id-Deputati, speċjalment bejn Joe Debono Grech u anke Marlene Farrugia.
Il-Partit Nazzjonalista staqsa jekk l-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali hux qed jitmexxew mill-“kukkanja li qed tmexxi l-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Il-Kelliem għad-Drittijiet taċ-Ċittadin Clyde Puli staqsa jekk din id-deċiżjoni, kinitx meħuda mill-Kap tal-Aħbarijiet jew minn xi ħadd ieħor li jagħti d-direzzjonijiet minn Kastilja.