Aġġornata: Il-PN jisfida lill-Gvern jippubblika l-kuntratt ma’ Henley & Partners

Il-Partit Nazzjonalista sfida lill-Ministru għall-Intern Manuel Mallia biex jippubblika l-kuntratt li l-Gvern iffirma ma’ Henley & Partners, l-kumpanija li se tkun responsabbli mill-promozzjoni tal-iskema taċ-Ċittadinanza.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li ma jagħmilx sens li l-istess kumpanija tippromwovi l-iskema, tilqa’ l-applikazzjonijiet u tirrakkomanda liema klijenti għandhom jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija.

Il-Partit Nazzjonalista reġa’ sostna li Henley & Partners se tingħata €140,000 għal kull applikazzjoni approvata.

L-istqarrija ssostni li l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Mallia għandhom jippubblikaw il-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt u l-mod kif se taħdem l-iskema.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern mhux jifhem il-ħsara li din l-iskema tista’ tħalli fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta. 

Fir-risposta tiegħu il-Gvern sostna li din l-iskema se tiġġenera investiment innovattiv f’Malta.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern sostna li l-kumpanija Henley & Partners se titħallas kontribuzzjoni ta’ 4% għall-ispejjeż tar-reklamar u l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet u din ma tammontax għal €140,000.

Intqal li fil-każ li jkun hemm aġenti oħra dan l-ammont irid jinqasam.

L-istqarrija tgħid li l-Gvern huwa dispost li jagħti l-opportunità lill-Oppożizzjoni li tagħmel skrutinju tal-kuntratt.

Il-Ministeru sostna li bl-atitudni tagħha l-Oppożizzjoni qed tuża politika ta’ biża biex ittellef l-investiment.

 

Il-parti tal-kuntratt ippubblikat fl-istqarrija tal-Gvern tgħid hekk:

"9.8              The Contribution under the Contribution Option shall be paid into the IIP Account, from which payments must be allocated by the Concessionaire, following the grant of citizenship, as follows:

(a)               an amount equivalent to 6% (six percent) of the Contribution shall be paid to Identity Malta Agency;

(b)              an amount equivalent to 4% (four percent) of the Contribution shall be paid to Concessionaire as the "Marketing and Processing Fees"; and 

(c)               the remaining amount 90% (ninety percent) in the IIP Account, after payments of the items under clauses 9.8(a) and 9.8(b) hereof, shall be paid into an independent Investment Vehicle."