Aġġornata: Botta u risposta bejn il-PN u l-PL dwar il-messaġġ tal-PM f’lejliet l-Ewwel tas-Sena

Il-Partit Nazzjonalista f'ittra indirizzata lill-Editur tal-Aħbarijiet tal-PBS, ipprotesta mal-istazzjon nazzjonali u talab li jingħata rimedju immedjat għax-xandira tal-messaġġ tal-Prim Ministru Joseph Muscat kemm lejliet l-Ewwel tas-Sena kif ukoll fl-Ewwel tas-Sena.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-messaġġ tal-Prim Ministru kien wieħed mibni fuq propoganda partiġġjana dwar temi ta’ kontroversja politika, bħall-Power Station li kellha tkun mibnija sa 9 xhur ilu u l-“Università Amerikana” li fi kliem il-partit la hi Università u lanqas hi Amerikana.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-anqas ħaġa li messu għamel il-Prim Ministru, f’diskors bħal dan indirizzat lin-nazzjon, hu li ma jidħolx f’temi ta’ kontroversja politika u li huma elementi ta’ politika partiġġjana.
Reazzjoni Partit Laburista

Intant b'reazzjoni, l-Partit Laburista qal li huwa ċar li l-ikbar problema li l-Partit Nazzjonalista għandu bil-messaġġ li xxandar, bħal ma jsir kull sena minn Prim Ministri differenti, huwa li matulu qed jidher ix-xogħol li sar, dak li huwa ppjanat għas-sena li bdejna u r-rizultati li nkisbu.
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista qed jiddejjaq li tinstema’ l-verità u bħal ma diġà ġara f’okkażjonijiet oħra, qed jipprova jostorha milli toħroġ.
Il-protest li għamel il-Partit Nazzjonalista juri livelli ta’ paranojja record ittemm tgħid l-istqarrija.