Il-PN jipproponi teknoloġija fl-iskejjel għal tfal b’dyslexia

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista ressaq 15-il proposta b’risq persuni b’dyslexia, fosthom proposta biex jingħataw riżorsi ‘inclusion friendly’ lill-iskejjel kollha inkluż dawk tal-Knisja u privati, u li jkun offrut iktar taħriġ prattiku lill-għalliema u l-Learning Support Educators.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech u Roselyn Borg Knight, il-PN saħaq li soċjetà soċjali li trid li kull tifel u tifla tirnexxi titlob li s-sistema edukattiva taħseb għal studenti dyslexic.

Zammit Dimech sostna li skont statistika Ewropea, 10% tal-istudenti jesperjenzaw dyslexia. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ iktar għalliema speċjalizzati fis-settur, għax bħalissa f’Malta hawn biss 19-il għalliem speċjalizzat fil-qasam.

“Il-Gvern b’għajnejh magħluqin quddiem in-nuqqas ta’ sigurtà f’Malta”

Intant, il-Partit Nazzjonalista sostna li filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jiftaħar li Malta hi pajjiż sigur, il-Maltin u l-Għawdxin ma jħossux li huma siguri fi djarhom, u li iżda jinsabu inkwitati bl-impunità f’Malta.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet ippreżentata mill-Kelliem għas-Sigurtà Nazzjonali Beppe Fenech Adami, il-Kelliem tal-Kunsilli Lokali Robert Cutajar u l-kandidati tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew Dione Borg u Michael Mercieca.

“Joseph Muscat kuntent jidher fuq il-billboards flok għad-dibattiti”

Fi stqarrija, il-PN qal li filwaqt li l-Prim Ministru Joseph Muscat kuntent li wiċċu qed jidher fuq il-billboards fit-toroq, għandu jiftakar li kien hu li ma deherx u baqa’ ma tfaċċax għad-dibattitu fuq Xarabank il-ġimgħa li għaddiet, u “beża’ jilqa’ l-istediniet li sarulu mill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiddibattitu.”

L-FOIPN tikkundanna l-qtil ta’ Lessana Cisse

Intant, il-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista (FOIPN) ikkundanna bla ebda riserva l-qtil razzjali ta’ Lessana Cisse, li mill-investigazzjonijiet qed jirriżulta li nqatel biss minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu.

L-FOIPN qal li “Hu tal-mistħija li f’pajjiżna wasalna f’dan il-punt.” Saħaq li jeħtieġ li l-Maltin jibqgħu jħarsu l-valuri u l-morali li kkaratterizzawh bħala poplu li jħenn u li dejjem offra l-għajnuna lin-nies fil-bżonn.

“Hemm bżonn distinzjoni bejn il-Gvern u l-Partit Laburista”

Il-kunsilliera u kandidata għall-elezzjoni lokali fiż-Żejtun Amanda Abela qalet li hemm bżonn ikun hemm distinzjoni bejn il-Gvern tal-ġurnata u l-Partit Laburista.

Saħqet kif waqt l-inawgurazzjoni ta’ Triq iċ-Ċawsli fiż-Żejtun, li kienet attività uffiċjali tal-Gvern u li suppost tgħaqqad lir-residenti kollha tal-lokal, kien hemm diversi kandidati tal-PL preżenti flimkien mal-uffiċjali tal-Gvern. Kien hemm ukoll manifestazzjoni politika inkluż l-għajjat ta’ “Joseph, Joseph.”

“Tagħtux bonus lil Joseph Muscat” – Francis Zammit Dimech

Il-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech appella biex ma jingħatax rigal jew bonus lil Joseph Muscat, li “ħataf l-istituzzjonijiet kollha u li issa jrid jaħtaf ukoll rappreżentanza akbar fil-Parlament Ewropew.” Appella biex il-Maltin imorru jivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista.

Waqt attività politika tal-PN, Zammit Dimech sostna wkoll li l-aħħar billboard tal-Partit Laburista ‘Erġgħu kunu miegħi’ turi li fil-każ tal-PL, kollox hu dwar Joseph Muscat, filwaqt li min-naħa l-oħra, fil-każ tal-PN, kollox hu dwarna u dwar il-poplu.