Filmat: Il-PN b’mozzjoni għal inkjesta fuq il-powerstation tal-Electrogas

Read in English.

Posted by Bernard Grech on Wednesday, October 14, 2020

Il-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni biex jinħatar Bord ta’ Inkjesta dwar il-proġett tal-powerstation tal-Electrogas Malta Ltd.

Din il-mozzjoni tressqet mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, flimkien mad-Deputati Karol Aquilina, Ryan Callus u Robert Cutajar.

Il-mozzjoni titlob li l-Prim Ministru għandu jaħtar Bord ta’ Inkjesta dwar il-proġett tal-power station tal-Electrogas, skont l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta’ Malta) sabiex jeżamina:

  • Il-proċessi u azzjonijiet politiċi, amministrattivi u kummerċjali li għandhom rabta mal-proġett
  • X’abbużi u ksur ta’ liġi twettqu fl-imsemmija proċessi u azzjonijiet politiċi, amministrattivi u kummerċjali
  • Jidentifika min huma l-persuni li ordnaw, wettqu, iffaċilitaw, kienu konxji u/jew misshom kienu konxji tal-imsemmija abbużi u ksur ta’ liġi b’rabta mal-proġett tal-power station tal-Electrogas.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li saru numru ta’ allegazzjonijiet li jorbtu l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia mal-proġett tal-bini u l-operat tal-powerstation tal-Electrogas. Huwa fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq li l-konsumatur u l-familji Maltin qegħdin iħallsu għal dan kollu permezz ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma ogħla.

Grech stqarr li, “Il-mod kif il-Gvern ntrabat jixtri mill-Electrogas l-enerġija kollha li tiġġenera huwa dubjuż għall-aħħar u qed iwassal sabiex Malta qed tħallas €91 miljun aktar.”

Il-Kap Nazzjonalista qal li Robert Abela għażel li jistaħba wara l-fatt li dan il-proġett ma sarx taħt it-tmexxija tiegħu, madankollu huwa fakkar li meta l-proġett ġie deċiż, Abela kien konsulent ta’ Joseph Muscat. Bernard Grech qal li l-familji ma jinteressahomx ta’ min hu t-tort, iżda jridu jaraw li ssir ġustizzja u li ma jħallsux għall-korruzzjoni.

Hu qal li din il-mozzjoni se tkun test importanti għal Robert Abela u l-Ministri biex mill-kliem jgħaddu għall-fatti. “Kellna diversi dikjarazzjonijiet fl-aħħar ġimgħat ta’ esponenti tal-Gvern jgħidu li meta jħarsu lura jammettu li saru żbalji. L-appoġġ tagħhom għal din il-mozzjoni huwa pass konkret biex verament issir investigazzjoni indipendenti li għandha tkun l-ewwel pass sabiex finalment issir magħrufa l-verità u kull ħażin li sar jissewwa.”