Il-PN jippreżenta ittri li juru li Dr Muscat kien jaf bil-każ tal-“blokka l-bajda”

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Dr Paul Borg Olivier dalgħodu qal li l-Mexxej Laburista Joseph Muscat kien jaf bil-każ tal-“blokka l-bajda” f’każin Laburista.

Waqt konferenza stampa, Dr Borg Olivier qal li Dr Toni Abela naqas milli jinforma lil Dr Muscat dwar dak li kien qed jiġri fil-Każin Laburista.

Dr Borg Olivier preżenta ittra li persuna kitbet lil Dr Muscat dwar dan il-każ. Huwa qal li din l-ittra waslet għandu l-bieraħ filgħaxija. Fl-ittra, li nkitbet f’Awwissu fl-2009, min kiteb l-ittra jgħid lil Dr Muscat:
“…int kellek tkellem lil Dr Toni Abela u tirrispondini lura, u sal-llum dan ma sarx. Jien iddispjaċut illi l-Partit ma mxiex sewwa miegħi, illu sema l-verżjoni ta’ xi wħud mill-kumitat u ma bagħtux għalija biex nagħti l-verżjoni tiegħu. Qtajtu s-sentenza kontra tiegħi, mingħajr jien ma kont preżenti”

Din il-persuna tgħid li l-fatti ġraw b’dan il-mod:
“…kien is-7 ta’ Ġunju meta l-Partitarji kienu qed jiċċelebraw fil-każin. Jien kont wara l-bar waħdi…daħlu ġewwa żewġ żgħażagħ u firxu xi triab abjad, illi jien ma kontx naf x’qed jiġri tant u b’hekk li jien stess bagħat lill-President tal-każin fil-kċina biex iġibli xi silġ u qabadhom fil-fatt.”

Fl-20 ta’ Frar tal-2012, l-istess persuna reġgħet kitbet lill-Dr Muscat u qaltlu li tinsab iddispjaċuta li ma ttieħdux passi talli din il-persuna tkeċċiet intortament mill-każin.

Wara ż-żewġ ittri, l-barman irċieva ittra ta’ rikonoxximent, li l-Mexxej Laburista rċieva u ra l-ittra.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-poplu biex ma jafdax il-futur tal-pajjiż f’idejn min mhux ta’ min joqod fuqu.

Dan kollu intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, mis-Segretarju tal-Partit Paul Borg Olivier u l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Nathaniel Attard.

Ma ngħatawx dettalji dwar f’liema każin seħħ il-każ.