Read in English.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista llum ippreżentat abbozz ta’ liġi dwar il-mod kif għandu jibda jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.
Fi stqarrija, il-PN qal li ilu jisħaq għal diversi xhur illi wasal iż-żmien illi il-ħatra u t-tneħħija ta’ Kunmmissarju tal-Pulziija għandhom jibdew isiru bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati.
“Din il-proposta qed issir għaliex, huwa aktar minn evidenti issa illi s-sistema preżenti qegħda tiġi abbużata mill-Gvern preżenti fejn għal darba wara oħra fi spazju ta’ sitt snin ġew innominati numru ta’ persuni sabiex jokkupaw din il-kariga li ma kienux kompetenti, ma kienux idoneji għal din il-ħatra u fuq kollox spiċċaw pupazzi f’idejn il-Prim Ministru li nnominahom,” qal il-PN.
Fi kliem il-partit, l-aktar eżempju lampanti ta’ dan l-abbuż kien il-ħatra tal-Kummisarju Lawrence Cutajar.
Il-PN appella lill Prim Ministru Robert Abela biex “issa mill-kliem sabiħ jgħaddi għall-fatti u jara li din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista tiġi approvata mill-Parlament Malti fl-iqsar żmien possibbli”.
L-abbozz ta’ liġi ġie ffirmat mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, David Agius, Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami, Chris Said, Karol Aquilina, u Robert Cutajar.
Fis-17 ta’ Jannar il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Ministeru għall-Intern irċieva r-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Tista’ taqra l-abbozz li ppreżenta l-PN minn hawn: