Aġġornata: Il-PN jippreżenta 70 proposta lill-Gvern

Il-Partit Nazzjonalista ressaq dokument b’aktar minn 70 proposta lill-Gvern għall-perjodu ta’ fondi Ewropej 2014-2020.
Fi stqarrija, il-PN qal li se jagħti l-appoġġ sħiħ tiegħu biex isir l-aħjar użu mill-€1,128 miljun li Malta kisbet mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2014-2020. 
Żied jgħid li d-dokument janalizza kull proposta li għamel il-Gvern u jagħti kritika kostruttiva u proposti għal prijoritajiet ġodda li għandu jiffoka fuqhom il-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Fost l-oħrajn il-PN qed jipproponi diversi proġetti innovattivi, fosthom satelite receiving station u l-finanzjament tar-riabilitazzjoni ta’ għadd ta’ siti prezzjużi li ġew ikkontaminati b’attivitajiet illegali. 
Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej qal li l-proċess ta' ppjanar għall-użu ta' Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 2014-2020 jinsab fi stadju avvanzat.
Żied jgħid li wara li l-Gvern nieda proċess ta' konsultazzjoni wiesgħa ma' kulħadd, inkluż mal-Oppożizzjoni, il-Ministeru jinsabu fl-aħħar stadju ta' negozjati mal-Unjoni Ewropea.