Il-PN jinsisti li tilef l-elezzjoni b’inqas siġġijiet … iressaq rikors fil-Qorti Ċivili

Il-Partit Nazzjonalista u l-kandidati Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi ressqu rikors kostituzzjonali kontra l-Kummissjoni Elettorali għall-mod ta’ kif ingħaddu l-voti tal-elezzjoni ġenerali fuq it-8 u t-13-il disrett.
Il-Partit Nazzjonalista qed jargumenta li pakkett ta’ 50 vot fit-8 distrett li suppost kien ta’ Claudette Buttigieg ġie trasferit bi żball lill-kandidat Nazzjonalista Michael Asciak, li mbagħad ġie eliminat b’konsegwenza li ġie elett il-kandidat Laburista Edward Scicluna.
Il-każ fuq it-13-il distrett hu iktar delikat hekk kif il-voti inkwistjoni huma biss 10. Skont il-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali tilfet 10 voti tal-Partit li minħabba f’hekk, ġiet eletta Justyne Caruana u l-Partit Laburista rebaħ it-13-il distrett.
Ir-rikors kostituzzjonali tressaq għaliex skont il-Partit Nazzjonalista, il-Kummissjoni Elettorali marret kontra r-rieda tal-votanti. Li kieku ma sarux dawn l-iżbalji, il-Partit Nazzjonalista qed jargumenta li d-distakk ta’ siġġijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jkun ta’ seba’ u mhux ta’ disa’.