Il-PN jinsisti li l-Gvern jippubblika kull ftehim dwar l-Enemalta qabel il-Parlament tat-Tnejn

Il-Partit Nazzjonalista qed jerġa’ jinsisti mal-Gvern biex jippubblika kull kuntratt li għamel dwar l-enerġija, u dan qabel nhar it-Tnejn.
It-Tnejn filgħaxija, il-Parlament se jiddiskuti l-power station u l-enerġija wara mozzjoni tal-Oppożizzjoni fid-dawl tal-aħħar żviluppi.
F'konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco, mill-Kelliem għall-Enerġija George Pullicino u mill-Kelliem għall-Ippjanar Ryan Callus, il-PN insista li l-poplu Malti għandu kull dritt ikun jaf xi ftehim iffirma Joseph Muscat f’ismu u bi flus il-poplu.

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Enerġija sostna li l-Gvern wiret settur għal kollox mitluq, bil-korporazzjoni Enemalta mfarrka bid-dejn, b’ġenerazzjoni tal-elettriku li tiddependi mill-iktar żejt li jniġġeż u b’kontijiet tad-dawl u l-ilma għoljin.
L-istqarrija tgħid li f’sena u nofs, il-Gvern dawwar id-direzzjoni u bħalissa jinsabu fl-aħħar fażi id-diskussjonijiet max-Shanghai Electric.
Intqal li l-Gvern diġà għamilha ċara li, malli jitlestew it-taħditiet se jagħti aktar dettalji.