Il-PN jinsisti li l-ġurnaliżmu għandu bżonn għajnuna finanzjarja

Huwa essenzjali li jkun hemm għajnuna finanzjarja diretta għall-ġurnaliżmu, hekk kif ir-raba’ pilastru tad-demokrazija qiegħed jaffaċċja sfidi serji, skont il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-midja Therese Comodini Cachia.

Comodini Cachia indirizzat konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-viċi kap u kelliem għat-turiżmu Robert Arrigo, fuq il-proposti tal-partit għat-turiżmu u s-settur kulturali u kreattiv fid-dokument ta’ qabel il-budget.

Fakkret kif il-ġurnaliżmu qed jaffaċċja sfidi serji minħabba tibdil fil-konsum tal-aħbarijiet u nuqqas kbir ta’ introjtu mir-reklamar, u b’hekk kien hemm il-bżonn li d-dritt ta’ informazzjoni jiġi assigurat permezz ta’ media b’saħħitha, pluralistika u ħielsa, bi stanards għolja u ġurnaliżmu ta’ kwalità.

Għalhekk, id-deputata insistiet fuq il-bżonn ta’ għajnuna finanzjarja diretta għal dan is-settur, li għalih il-partit ressaq disa’ proposti.

Il-partit jemmen li kull media house għandha tirċievi fondi skont in-numru ta’ nies li jaħdmu magħha. Jinsisti wkoll li hemm bżonn dibattitu nazzjonali fuq il-finanzjament tal-media.

Għas-settur kulturali u kreattiv, Comodini Cachia emfasizzat il-bżonn li jiġi stabbilit investiment u introjtu sostenibbli għal min jopera df’dan il-qasam, u li jkun hemm miżuri biex ma jintilifx it-talent.

Il-PN ilha ‘xhur sħaħ’ twissi fuq it-turiżmu

Min-naħa tiegħu, Arrigo fakkar li l-partit ilu jwissi bil-problemi li kien se jaffaċċja is-settur tat-turiżmu.

 “Ilna xhur sħaħ ngħidu lill-gvern Laburista li l-industrija tat-turiżmu se tgħaddi minn diffikultajiet kbar u tispiċċa għarkubtejha u kien għalhekk li mal-ewwel bdejna noħorġu bil-proposti tagħna,” qal Arrigo.

Hu lmenta li l-gvern m’għandux pjan fit-tul, u qal li fi żminijiet bħal dawn kien essenzjali li l-prodott Malti jiġi aġġornat minnufih.

Arrigo tkellem dwar il-bżonn ta’ monitoraġġ tan-numri tal-imxija tal-COVID-19 madwar l-ibliet fl-Ewropa fejn twettaq titjiriet l-Air Malta biex l-Aworita’ Maltija għat-Turiżmu tista’ tkun flessibbli fil-marketing u meta nħarsu lejn late bookings, il-flessibbilta’ tat-titjiriet għandha tkun aħjar.