Il-PN jinsisti għal rimedju wara Xarabank tal-bieraħ

Il-Partit Nazzjonalista bagħat ilment ieħor lill-Kap tal-Aħbarijiet ta’ TVM Reno Bugeja dwar il-programm Xarabank u li xxandar ilbieraħ filgħaxija. Dan biex ukoll jinsisti li TVM għandu jagħtih rimedju effettiv biex jagħmel tajjeb għall-iżbilanċ li nħoloq u f’każ li dan ma jseħħx se jkun qiegħed jipproċedi quddiem l-Awtorità tax-Xandir.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li għal dan il-programm kienu mistiedna u pparteċipaw il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar Silvio Schembri u l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici mingħajr spazju għal kelliem tal-Oppżoizzjoni.

Il-PN fi stqarrija qal li dan huwa t-tielet programm Xarabank li għalih kienu mistiedna biss rappreżentanti tal-Gvern u ħadd biex jirrappreżenta u jwassal il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar kif skont il-Kostituzzjoni u l-Att dwar ix-Xandir, l-istazzjon nazzjonali huwa obbligat jiżgura impazjalità dwar kull ħaġa li hija ta’ kontroversarja politika kurrenti u li faċilitajiet u ħin ta’ xandir ikunu maqsuma b’mod xieraq bejn persuni li jkunu ta’ partiti politiċi differenti. Għalhekk il-PN reġa’ stqarr li l-aġir tal-PBS ħoloq żbilanċ fix-xandir u hija konferma ta’ kemm l-istazzjon nazzjonali spiċċa għodda politika partiġġjana f’idejn il-Gvern.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn