Il-PN jinnomina persuna oħra għall-ERA

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia nnomina lill-Inġinier Simon Mizzi għall-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent (ERA).
Din in-nomina ġiet wara n-nomina ta' Janice Chetcuti ma kinitx eleġibli minħabba li hi kunsilliera lokali u għaldaqstant qed tokkuppa kariga pubblika fil-livell ta’ Gvern lokali.
Simon Mizzi huwa akkademiku fil-Fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta. Kiseb Dottorat fl-Inġinerija mill-Università ta’ Strathclyde fl-2008 u wara ħadem ma’ Rolls Royce, kumpanija ewlenija fl-avjazzjoni ċivili.
Mizzi kien partikolarment iffukat fuq l-iżvillupp sostenibbli tal-avjazzjoni u kien responsabbli mir-Riċerka u l-Iżvillupp bl-iskop li l-industrija isir iktar effiċjenti u tnaqqas l-impatt ambjentali fl-operat tagħha.
Mizzi li għandu 35 sena huwa miżżewweġ b'żewġt itfal u kiseb il-formazzjoni edukattiva tiegħu fil-kulleġġ San Alwiġi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni feraħ lil Simon Mizzi u awguralu għall-kariga l-ġdida.