Il-PN “jinfetaħ għaż-żgħażagħ” b’mozzjoni li se jiddiskuti

F’mozzjoni li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jevalwa fil-Kunsill Ġenerali fil-jiem li ġejjin hemm li 15% tal-membri fl-eżekuttiv jibdew ikunu żgħażagħ ta’ taħt it-30 sena.
Il-Kunsill Ġenerali se jkun qed jiltaqa’ minn għada sal-Ħadd ta’ wara.
Il-PN qal fi stqarrija li l-mozzjoni tressqet mill-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Joe Grech u s-Segretarju Ġenerali Clyde Puli biex il-partit jiftaħ il-bibien għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin fl-istrutturi tad-deċiżjonijiet fi ħdanu.
15% mill-eżekuttiv ifissru minn tal-inqas 14 membru żagħżugħ.
L-istess mozzjoni tipproponi li titwettaq fergħa ġdida fil-partit għal żgħażagħ adoloxxenti.
“Dan kollu se jkun qed jerġa' jagħmel lill-Partit Nazzjonalista partit għaż-żgħażagħ u partit żagħzugħ, li lest jilqa' għall-isfidi tal-futur”, tgħid l-istqarrija.
Sadanittant, il-Kunsill Ġenerali se jkun ippresedut mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u kkordinat minn Amanda Abela, li hija l-Kordinatur tal-istess Kunsill. Id-dokument amministrattiv tal-Kunsill Ġenerali se jitressaq mis-Segreatrju Ġenerali Clyde Puli.