Il-PN jilqa’ qbil dwar il-Baġit tal-EU

Il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’mod pożittiv il-qbil dwar il-Baġit tal-Unjoni Ewropea għas-7 snin li ġejjin liema baġit se jkun qed jammonta għal €960 biljun u se jkun qed jiffoka primarjament fuq il-qgħad fost iż-żgħażagħ, l-ħolqien tal-impjiegi u l-finanzi tal-ekonomija Ewropea.

Fi stqarrija l-PN saħaq li dan il-qbil hu frott il-ħidma li wettaq il-Gvern Nazzjonalista fl-aħħar leġislatura meta rnexxilu jinnegozja għal Malta pakkett finanzjarju ta €1,128 miljun li se jkun qed iwassal għal aktar investiment u xogħol għall-pajjiżna.

Il-PN awgura li dan il-pakkett finanzjarju jintuża biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-pajjiż, ikun attirat iktar investiment u jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol.

Intant il-Partit Nazzjonalista stqarr li issa l-Prim Ministru Joseph Muscat jinsab sodisfatt minkejja li ma rnexxilux jatjeni l-ebda fondi ġodda f’dan is-settur minkejja li qabel l-elezzjoni tkellem dwar għajnuna li se jġib mill-Unjoni Ewropea għat-twettiq tal-Garanzija Żgħażagħ.

Il-PN attaka wkoll lill-Prim Ministru li qabel l-elezzjoni tefa’ dubji dwar il-pożizzjoni fuq il-pensjonijiet tal-Kummisjoni Ewopea u issa qed jgħid li l-pożiżżjoni hija waħda aċċettabbli.