Il-PN jilqa’ l-aħbar li t-tfal ma jitpoġġewx mal-adulti f’Monte Carmeli

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista jilqa’ l-aħbar li l-Gvern qed jaqbel mal-politika proposta mill-Oppożizzjoni li taħt l-ebda ċirkustanza m’għandu jkun hemm każijiet fejn tfal jitpoġġew fi swali intiżi għall-adulti fl-Isptar Monte Carmeli.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa, Claudio Grech qal li hemm bżonn li dan il-qbil jiġi rifless f’azzjoni min-naħa tal-Gvern.
Qal li l-pass li jmiss hu li l-Gvern jagħti d-dettalji tal-faċilitajiet li se jibdew jintużaw għal dan il-għan kif ukoll jintrabat b’dati stabbiliti meta dawn se jibdew joperaw.
L-istqarrija ttenni li f’dan l-isfond il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-uffiċjali kollha tal-Isptar Monte Carmeli jżommu ma’ dan l-impenn li ħa l-Gvern u ma jerġgħux idaħħlu tfal fi swali jew faċilitajiet li mhumiex esklussivament riservati u addattati għat-tfal.