Il-PN jikkundanna t-tmexxija tal-pulizija

Il-Partit Nazzjonalista qed jikkundanna t-tmexxija dilettanteska u irresponsabbli tal-Korp tal-Pulizija, wara li persuna innoċenti jumejn ilu tressqet il-Qorti akkużata b'mod żbaljat talli għamlet hold up.

Fi stqarrija, il-PN qal li huwa inaċċettabbli, li f'pajjiż fejn suppost hemm tmexxija serja ta' Korp tal-Pulizija, persuna innoċenti titressaq il-Qorti akkużata b'delitt serjissimu u tinżamm arrestata.

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li dan huwa r-riżultat ta’ meta min imexxi, ikun moħħu biex jagħti iktar minn 300 transfer ta’ pulizija f’inqas minn tliet xhur, il-maġġoranza b'vendikazzjoni.

Il-PN qal li l-poplu jistenna li t-tmexxija tal-Korp tal-Pulizija tassumi r-responsabbilità ta' dan il-ksur sfaċċat tad-drittijiet ta' persuna innoċenti.