Il-PN jikkundanna l-attakk tal-PM u Toni Abela fuq tliet missirijiet

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Beppe Fenech Adami kkundanna l-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat u Toni Abela nfexxew f’attakk fuq tliet ħaddiema li huma missirijiet bi tfal żgħar u jgħajruhom spjuni bil-għan li jtellfulhom il-ħobża ta’ kuljum. Dan, sostna Fenech Adami, meta “dawk viċin tagħhom qed jieklu minn bosta ħluq.”
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-PN qal li dawn l-attakki qed isiru għax Abela u Muscat sabu daharhom mal-ħajt fuq skandli li qed jiġu żvelati.
Fenech Adami sostna li fl-istess ħin li Muscat jibqa’ jattakka tliet missirijiet u li tnejn minnhom spiċċaw  sospiżi mix-xogħol b’nofs paga, huwa jagħżel li jibqa’ jiddefendi lil xi ħadd li nstab ħati li taħtu, ngħaddew files sensittivi. Peter Paul Zammit, għal darb’oħra, nqabad f’att ta’ abbuż tal-poter li tah l-istess Muscat.