Il-PN jikkundanna kummenti ta’ Kandidat Laburista

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li l-istqarrijiet li saru fil-konfront tal-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmstrom minn eks Kunsillier Laburista huma deplorabbli u l-agħar tip ta’ politika.

Din ir-reazzjoni waslet wara li Alfred Grima, li kien Kunsillier Laburista f’San Pawl il-Baħar fuq Facebook stqarr li jiddispjaċih li ma kinitx il-Kummissarju Ewropew Malmstrom, l-Iżvediża li ndarbet meta ħatfuha fis-Somalja. Aktar tard, Alfred Grima stess skuża ruħu għall-kumment tiegħu stess li ddeskriva bħala esaġerati.

Il-Partit Nazzjonalista iżda sostna li l-mod kif Kandidat tal-Partit Laburista jħossu komdu juża dan il-lingwaġġ jikkonferma l-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jindirizza l-isfida tal-immigrazzjoni irregolari, billi jkompli jiżra r-razziżmu f’Malta.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Prim Ministru jieħu azzjoni konkreta fil-konfront ta’ Alfred Grima għaliex jekk ma jieħux azzjoni jkun ifisser li għalih kollox jgħaddi.