Il-PN jikkritika l-introduzzjoni ta’ “taxxa bil-moħbi fuq l-edukazzjoni”

Il-Kelliem tal-PN għall-Edukazzjoni, Joe Cassar, u l-kandidat tal-PN Justin Schembri akkużaw  lill-Gvern li introduċa taxxa ġdida fuq l-edukazzjoni u żied il-piż finanzjarju fuq l-istudenti u l-familji tagħhom, mingħajr konsultazzjoni u mingħajr studji ta’ impatt soċjali.
Dan b’rabta maż-żidiet fil-miżati tal-eżamijiet tal-MATSEC.
Joe Cassar sostna li l-PN hu favur li s-sistema tal-MATSEC tissaħħaħ u tiġi ffinanzjata aħjar iżda saħaq li m’għandhomx ikunu l-istudenti u l-familji tagħhom li jħallsu aktar għal dan.
Fisser li “dan meta hemm eluf ta' ewro li qed imorru fil-bwiet tal-Ministri, in-nisa tagħhom u Deputati tal-Gvern li għandhom diversi rwoli”.
Cassar spjega kif familja b'żewġt itfal li se jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC issa jridu jħallsu €140 aktar.
Justin Schembri ddeskriva din iż-żieda bħala waħda li mhix ta' għażla. Qal li l-istudenti joqgħodu għal medja ta’ 8 eżamijiet fis-sena u għalhekk iż-żieda tista’ twassal biex studenti li l-familja tagħhom ma jifilħux iħallsu ż-żidiet, ma joqgħodux għal eżamijiet inqas importanti. 

Reazzjoni Gvern
Fi stqarrija, l-Ministeru tal-Edukazzjoni qal li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-MATSEC idetterjorat fl-aħħar tliet snin b’telf ta’ €402,500 minħabba li s-sistema ma baqgħetx waħda sostenibbli. 
Intqal li l-eżami vokazzjonali tas-SEC hija alternattiva għall-BTEC, li jiswew mal-€130, u issa studenti li daħlu għal dawn is-suġġetti se jkunu qed jiffrankaw somom kbar meta jiġu biex japplikaw, għax se jħallsu €21, traħħis ta’ €109.
Dawn ir-rati huma ukoll orħos minn eżamijiet oħra tal-istess livell li jagħmlu studenti Maltin u Għawdxin.