Il-PN jikkonsidra li jaħtar kummissjoni biex tiskrutinja l-kandidati għall-Kap

Il-Partit Nazzjonalista qed jikkonsidra li jaħtar kummissjoni biex tiskrutinja lill-kandidati li se jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Fuq Facebook, il-ġurnalista Dione Borg,  kiteb li s-Segretarju Ġenerali tal-PN Rosette Thake qaltlu li l-proposta tiegħu għaddiet għand Dr Joe Borg, iċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali li se tieħu ħsieb l-elezzjoni tal-Kap.
Kemm Chris Said kif ukoll Adrian Delia, li ħabbru li se jikkontestaw għall-Kap tal-PN, qablu ma’ din il-kummissjoni.
Fuq Facebook, Dr Said kiteb li l-ħatra ta’ Kap hija proċess importanti li jeħtieġ li jsir b’responsabbiltà kbira.Kien qal li hu dispost li jpoġġi lilu nnifsu quddiem din il-Kummissjoni għall-iskrutinju sħiħ tagħha.
Min-naħa tiegħu Dr Delia kien kiteb li sistema simili applikaha wkoll fil-klabb tal-futbol li jmexxi. Tenna li mhux biss il-Kap għandu jiġi skrutinizzat, iżda kull kandidat li juri x-xewqa li lest li jservi lin-nies.