Il-PN se jieħu passi kontra l-MŻPN

Il-Partit Nazzjonalista se jieħu passi kontra l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) minħabba stqarrija u filmat li ttellgħu onlajn f’isem iż-żgħażagħ membri ta’ din il-fergħa tal-PN.

Dan ġie kkonfermat mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech li fi stqarrija qal li kien kostrett jirreferi l-każ lill-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Mezzi Soċjali. Dan minħabba li l-MŻPN kisru direttiva li kien ħareġ Zammit Dimech li fiha appella għall-kollaborazzjoni fost il-fergħat u l-Kumitati Sezzjonali biex id-diskussjonijiet dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Partit isiru internament.

Sorsi qalu li Zammit Dimech kien kostrett jieħu din id-deċiżjoni minħabba pressjoni mill-Kap attwali tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Newsbook.com.mt huwa infurmat ukoll li l-maġġoranza fl-Eżekuttiv tal-MŻPN qablu ma’ din l-istqarrija iżda tliet membri kitbu pubblikament li kienu kontra. Kelliem għall-Partit Nazzjonalista qal li probabli hemm oħrajn.

Ftit minuti qabel ħarġet din l-istqarrija, l-MŻPN ma kinitx infurmata b’ebda passi dixxiplinarji. Ikkuntattjat minn Newsbook.com.mt, il-President tal-MŻPN Joseph Grech qal li s-sitwazzjoni kienet qed titlobhom biex jitkellmu u n-nuqqas ta’ dan kien ikun irresponsabbli min-naħa taż-żgħażagħ. Stqarr ukoll li l-Partit Nazzjonalista dejjem kienet id-dar naturali għal dawk li jemmnu fil-libertà tal-espressjoni u l-prinċipju demokratiċi. Grech saħaq li l-MŻPN talbet biex ikun hemm tmexxija ġdida tal-PN peress li ħafna żgħażagħ bħalissa jħossuhom orfni fil-politika.

Il-maġġoranza tad-deputati tal-PN fi stqarrija separata offrew is-solidarjetà u l-appoġġ liż-żgħażagħ tal-PN għal stqarrijiet fil-midja li Adrian Delia ried joħodhom quddiem il-Bord tad-Dixxiplina fil-partit. L-istess deputati qalu li huma impenjati biex ladarba sseħħ il-bidla fit-tmexxija, iż-żgħażagħ jkunu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.