Il-PN jiddiżassoċja ruħu minn sejħiet għal boycott bil-vouchers

Id-Dar-Ċentrali

Il-Partit Nazzjonalista qal li qed jiddiżassoċja ruħu kompletament minn kull sejħa għal boycott jew għażla ta’ negozji fuq oħrajn fl-iskema tal-vouchers tal-Gvern.

Fi stqarrija l-PN qal li jrid jiġbed ħabel wieħed fl-isforzi kollettivi ta’ Malta biex l-ekonomija tqum fuq saqajha.

“Il-valur tal-ġid komuni għandu jirbaħ dejjem fuq kull forma ta’ tribaliżmu politiku,” qal il-PN.

Ilbieraħ persuna fuq Facebook qalet li għandha titħejja lista ta’ negozji Laburisti. Dan bl-għan li wieħed jevita milli juża l-vouchers li se jqassam il-Gvern fil-ħwienet tagħhom jew inkella biex wieħed jonfoqhom f’dawn il-ħwienet jekk toħloq konfużjoni dwar is-sistema.

Facebook

It-Tnejn li għadda l-Gvern ħabbar li se jkun qed jagħti €100 f’vouchers lil kull persuna li għandha minn 16-il sena ‘l fuq. Se jinħarġu vouchers ta’ €20 b’total ta’ €100: €80 għall-konsum fil-lukandi, fir-restoranti u f’bars; €20 oħra għall-ħwienet li kienu magħluqin waqt il-pandemija.

Iċ-ċekkijiet li jammontaw għal €100 mhux se jkunu jistgħu jissarrfu fil-gyms. Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa Edward Scicluna hu u jwieġeb mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt.