Il-PN jiddiżassoċja ruħu minn ma’ Ryan Mercieca

Ryan-Mercieca
Facebook

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista ddiżassoċja ruħu minn Ryan Mercieca, li ħiereġ bħala kandidat fuq it-13-il distrett sabiex jieħu s-siġġu parlamentari li kien ta’ Frederick Azzopardi. Azzopardi miet f’Ottubru.

Il-PN ħabbar fi stqarrija dalgħodu li beda l-proċeduri għat-tkeċċija ta’ Mercieca mill-Partit, wara rapporti li kienu dehru fuqu fil-midja, u anke minħabba sentenza tal-Qrati tal-Ġustizzja li kienet ingħatatlu wara l-aħħar elezzjoni ġenerali f’kawża ta’ libell li kien fetaħ Mercieca stess.

Fl-2018, Ryan Mercieca tilef libell kontra l-editur tal-gazzetta It-Torċa bil-Qorti tgħid li huwa ppreżenta dokument imbagħbas. Mercieca, li kien kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li għaddiet, kien fetaħ libell kontra l-editur Josef Caruana minħabba l-artiklu bit-titlu “‘Stilla’ tal-PN f’taħwida dwar ‘Fondi tal-UE.'”

Ġie spjegat li wara li l-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Midja tal-Partit Nazzjonalista ltaqgħet ilbieraħ biex tikkunsidra b’urġenza l-każ imressaq mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech kontra Ryan Mercieca, u wara li Mercieca ngħata kull opportunità jippreżenta l-argumenti tiegħu, anke bl-assistenza ta’ avukat, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li Mercieca ma rnexxilux jagħti spjegazzjoni sodisfaċenti għall-akkużi serji li kienu saru kontra tiegħu. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tistax tqisu bħala kandidat li għandu joħroġ f’isem il-Partit Nazzjnalista għall-elezzjoni każwali fuq it-13-il distrett.

Mercieca ddikjara li mhux dispost joqgħod għad-direzzjoni tal-Partit u li xorta waħda kien biħsiebu joħroġ għall-istess elezzjoni każwali. Għalhekk, il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Midja rrakkomandat li l-Partit Nazzjonalista jiddiżassoċja ruħu mill-kandidatura ta’ Mercieca u li jibda l-proċeduri meħtieġa għat-tkeċċija tiegħu mill-Partit.

Il-Partit Nazzjonalista qed jilqa’ u jagħmel tiegħu dawn ir-rakkomandazzjonijiet. Iddiżassoċja ruħu minn Ryan Mercieca b’effett immedjat u se tibda tieħu l-proċeduri ulterjuri kollha meħtieġa, u “għax għall-Partit Nazzjonalista japplikaw, bla riserva, u kontra kull min ikun hemm bżonn, l-ogħla standards ta’ etika u aġir korrett fil-ħajja pubblika.”

S’issa, Maria Portelli biss daħħlet in-nomina tagħha għal din l-elezzjoni każwali formalment.