Il-PN jiddistanzja ruħu minn kummenti ta’ Frank Portelli

Il-Partit Nazzjonalista iddistanza ruħu mill-kummenti tal-kandidat għal kap tal-partit, Frank Portelli, meta dan tkellem dwar l-immigrazzjoni u l-persuni gay.
Il-PN qal fi stqarrija li l-politika tiegħu hija kontra ż-żenofobija, u tittratta kull bniedem bir-rispett li jixraqlu.
Kemm waqt intervisti fuq it-televixin, kif ukoll bil-posts tiegħu fuq Facebook, Portelli kemm-il darba esprima l-opinjoni tiegħu dwar l-immigrazzjoni u l-persuni gay.
Dr Portelli jemmen li l-patrijottiżmu biss jista’ jsalva lill-PN, u drabi oħra kiteb li l-multikulturaliżmu jweġġa’ lill-Maltin.
F’filmat li tella’ tiegħu nnifsu, wiegħed li jekk ikun kap tal-PN ma jġigħelx lill-Maltin isallu, b’referenza diretta lejn l-Iżlam u l-introduzzjoni tiegħu fl-iskejjel tal-Gvern.
Min-naħa tiegħu, il-PN fakkar li l-politika tiegħu hija favur ir-rispett sħiħ ta’ kull persuna, irrispettivament mill-inklinazzjoni sesswali tagħha u kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ inklinazzjoni sesswali.
Dwar persuni gay, Portelli kien insinwa fuq Facebook li biż-żwieġ gay, raġel omosesswali jista’ jiżżewweġ mara, biex minnha jkollu tarbija, imbagħad jitlaqha u jiżżewweġ raġel.
Dwar dawn l-interventi ta’ Portelli u oħrajn, il-PN temm l-istqarrija jgħid li kull kandidat għal kap tal-partit għandu jiftakar li l-irwol tiegħu huwa qabel kollox li jħaddan il-politika u li jagħti eżempju tal-valuri u l-prinċipji mniżżla fl-istatut tal-partit.