Il-PN jiddiskuti l-importanza li l-ulied ma jkunux imċaħħdin mill-ġenituri

Il-Partit Nazzjonalista ddiskuta l-importanza li l-ulied ma jiġux imċaħħdin mill-ġenituri tagħhom, u viċi versa.

Dan ġie diskuss waqt laqgħa bejn il-PN u l-NGO Happy Parenting Malta For Happier Children. Matul il-laqgħa online spikkat l-ħtieġa li din it-tema tkun diskussa fl-oqsma tat-tagħlim edukattiv.

Happy Parenting Malta for Happier Childen qalet li s-sena li għaddiet, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa rrikonoxxiet il-kundizzjoni tal-Parental Alienation Syndrome: kundizzjoni li tfal li jbatu minnha jiżviluppaw biżgħat kbar jew diżrispett lejn ġenitur rispettiv. L-NGO qalet li l-liġi għandha tiġi riveduta, u fejn hu meħtieġ ikun hemm intervent biex l-inġustizzji ma jibqgħux isiru. Intqal li t-tfal li qed ikunu aljenati u mċaħħdin minn wieħed mill-ġenituri tagħhom qed jispiċċaw vittmi ta’ abbuż.

Adrian Delia qal li l-PN jinsab impenjat biex id-dritt tal-ulied li jgawdu lill-ġenituri jkun garantit u spjega kif l-Oppożizzjoni, permezz tal-proposti u tal-ħidma tagħha, diġà rnexxilha tbiddel u timplimenta numru ta’ liġijiet.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia matul din il-laqgħa kien hemm il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, il-Ġlieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, l-Isport tul Ħajjitna, il-Volontarjat u l-Ġlieda kontra l-Obeżità Robert Cutajar.