Il-PN jiċħad li rċieva pagament biex Casa ma jiġix elett MEP

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista ċaħad dak li ntqal fil-qorti, li huwa rċieva xi offerta jew pagament sabiex jimmina l-kandidatura ta’ kwalunkwe wieħed mill-kandidati tiegħu fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew jew fi kwalunkwe elezzjoni oħra.

Fi stqarrija maħruġa llejla, il-PN irreaġixxa għal dak li ntqal fil-qorti llum waqt l-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Illum xehed is-sensar tal-assassinju Melvin Theuma, li stqarr li Yorgen Fenech, akkużat li kien il-mandant fl-assassinju, kien offra flus lill-Partit Nazzjonalista biex David Casa ma jiġix elett fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tas-sena li għaddiet.

Ir-raġuni għal dan kienet li Casa kien voċiferu dwar 17 Black, kumpanija ta’ Yorgen Fenech, u Fenech xtaq isikket lil Casa dwar dan. Theuma stqarr li hu ma kienx jaf eżatt x’inhi 17 Black.

L-istqarrija tgħid li, “Il-Partit Nazzjonalista dejjem ċaħad u jibqa’ jiċħad bl-iktar mod kategoriku din l-allegazzjoni.”

Riċentament, Casa kiteb lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi lill-Emirati Għarab Magħquda fil-lista tal-Unjoni Ewropea ta’ pajjiżi terzi li għandhom reġimi dgħajfin kontra l-ħasil tal-flus.

Dan minħabba li l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus li kienet qed tesponi Daphne Caruana Galizia qabel inqatlet kienu possibbli permezz ta’ 17 Black, il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech li hija rreġistrata f’Dubaj, u bank ibbażat f’Dubaj.