Ittra anonima kontra Perici Calascione: Jitlob li jidher quddiem il-Kumitat tal-Etika

Alex Perici Calascione, li qed jikkontesta l-elezzjoni għall-kap tal-Partit Nazzjonalista, talab li jerġa’ jidher quddiem il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba Xierqa u Etika tal-PN, biex iwieġeb għall-ittra anonima li ntbagħtet kontrih.
L-imejl anonima ntbagħtet lill-President tal-Kunsill Amministrattiv Karol Aquilina u lil Joe Borg iċ-Ċermen tal-Kumissjoni Elettorali.
Perici Calascione qal li m’għandu ebda dubju li dawn l-allegazzjonijiet ġejjin minn id moħbija, li fi kliemu qed taqdi l-interessi ta’ xi ħadd.
Żied jgħid li min fassal, approva u wettaq dan l-attentat, mhux se jirnexxilu jtappanlu ismu jew ixekklu. Saħaq li dawn it-tattiċi jixhdu l-agħar forma ta’ politika antika u m’għandhom xejn ġdid.
Temm jgħid li l-impenn, id-dedikazzjoni u d-determinazzjoni tiegħu se jkomplu jissaħħu.
L-ittra, li rċieva wkoll Newsbook.com.mt, ma tallegax nuqqasijiet dwar Perici Calascione, imma tinnota kif il-mara tal-kandidat ġejja mill-familja Pisani, li għandha l-maġġoranza tal-ishma fil-Grupp Corinthia. L-ittra tgħid ukoll li l-bqija tal-ishma jappartjenu lill-kumpanija statali Libjana LAFICO, li hi tal-familja Gaddafi.
L-ittra anonima tgħid ukoll li Dr Perici Calascione huwa l-benefiċjarju tal-kumpanija Future Investments Ltd, li għandha l-Fenici Insurance Agency, u li għandha l-maġġoranza tal-ishma f’kumpanija oħra, li wieħed mis-sieħba tagħha, jinsab maħrub dwar miżapproprijazzjoni ta’ fondi.  Tirrimarka li l-kumpanija ilha ma tippreżenta l-accounts tagħha sa mill-2012, meta kellha akkumulat €500,000 f’telf.
Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Kumitat Konsultattiv tiegħu dwar l-Imġiba Xierqa u Etika, biex jinvestiga din l-ittra anonima.