Il-PN jibqa’ jsostni li Sai Mizzi Liang taqla’ €13,000 fix-xahar

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jsostni li l-paga ta’ Sai Mizzi Liang, mart il-Ministru Konrad Mizzi tammonta għal €13,000 fix-xahar.
Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li l-pakkett finanzjarju li jingħata lil Mizzi Liang jinkludi s-salarju imma wkoll il-perkaċċi.
Jingħad ukoll li l-informazzjoni ilha pubblika minn Ottubru tas-sena li għadda u wara dawn ix-xhur kollha qed tiġi kkontestata issa.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern għandu jkun trasparenti, speċjalment wara li issa ilu jirrifjuta li jippubblika l-kuntratt ta’ Mizzi Liang li huwa mħallas mit-taxxi tal-poplu.
Aktar kmieni, Sai Mizzi Liang qalet mal-ġurnalisti Maltin preżenti mal-Prim Minsitru waqt iż-żjara fiċ-Ċina, li hi għandha paga li tammonta għal €3,000 fix-xahar.
Qalet ukoll li tinsab urtata bix-xniegħat li taqla €13,000 fix-xahar.