​Il-PN jibqa’ jinsisti fuq bypass b’4 karreġġjati fil-Mellieħa

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista (PN) fil-Mellieħa qalu li se jibqgħu jinsistu li l-bypass tal-Mellieħa (Triq Lewis Wettinger) jibqa’ b’erba’ karreġġjati.
Fi stqarrija, il-Kunsillieri Nazzjonalisti qalu li se jibqgħu jitolbu biex din it-triq ma tkunx perikoluża għas-sewwieqa li jgħaddu minnha u li ppreżentaw mozzjoni dwarha waqt laqgħa tal-Kunsill.
Skont il-PN, fi tmiem il-laqgħa tas-26 ta’ Marzu, is-Sindku informa lil dawk preżenti li kienet se tkompli laqgħa ordinarja tal-Kunsill u tkompli d-diskussjoni kif indikat fl-aġenda.
Il-PN qal li fil-laqgħa ordinarja, s-Sindku irrakkomanda l-vot fuq il-mozzjoni għal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill, li se ssir fis-16 ta' April biex il-Kunsillieri tal-Partit Laburista jkunu jistgħu jaraw il-mozzjoni fid-dettall, minħabba li kienet għadha kif ġiet ippreżentata.
Fi kliem il-PN, mozzjoni tista’ titressaq waqt laqgħa sakemm tkun relatata max-xogħol indikat fuq l-aġenda. Qal li r-residenti tal-Mellieħa u dawk li jużaw il-bypass ġew imċaħħda milli ssir laqgħa pubblika.
Il-mozzjoni tal-PN titlob fost oħrajn għal kopja tar-rapporti tal-impatt fuq it-traffiku, dwar l-iżvilupp tal-proġett, l-impatt soċjali, u l-impatt ambjentali.