Il-PN jibda japprova statut ġdid; tinħatar Kummissjoni Kandidati

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista beda japprova statut ġdid tal-partit. Kopja ta’ dan l-istatut ġiet ippubblikata fuq is-sit tal-PN kif ukoll ġiet diskussa waqt il-laqgħa tal-Eżekuttiv.

Fl-istess laqgħa l-Eżekuttiv approva Kummissjoni Kandidati ġdida bl-inkarigu preċiż li jissorvelja l-ħatra ta’ kandidati f’isem il-PN. Fi stqarrija maħruġa llejla mill-PN intqal li dan sar fuq proposta tas-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech għan-nom tal-Kunsill Amministrattiv tal-partit.

Il-PN qal li dan qed isire biex “ikun minn issa lest għal kull sfida elettorali li jista’ jkun hemm”.

Il-Kummissjoni Kandidati se tkun komposta minn:

  • Colin Vella Bowman bħala Chairperson tal-Kummissjoni, u mill-membri
  • Dr Kris Borg
  • Rachel Azzopardi
  • Dr Joe Vella Baldacchino
  • Helen D’Amato
  • Dr Joe Bugeja, u
  • Dr Albert Bell

Il-President tal-Kunsill Amministrattiv huwa membru ex officio.

Fost il-funzjonijiet tal-Kummissjoni hemm dik li tidentifika żgħażagħ, nisa u rġiel f’kull lokal ta’ Malta u Għawdex li jkunu idonji u li jikkwalifikaw biex ikunu kandidati u li tirraporta lill-Kunsill Amministrattiv regolarment bir-riżultati tal-ħidma tagħha.

L-abbozz ta’ statut ġdid tal-Partit jinsab ippubblikat fuq is-sit tal-Partit u kien ġie ffinalizzat fit-8 ta’ Marzu li għadda.