Il-PN jgħid li Standard & Poor’s jikkonferma li l-Interconnector ma’ Sqallija huwa l-aħjar soluzzjoni

Il-Partit Nazzjonalista qal li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma huma possibbli biss bil-proposta tal-programm elettorali tal-istess Partit Nazzjonalista. Dan joħroġ ċar, ikompli jgħid il-Partit Nazzjonalista minn stqarrija ppubblikata minn Standard and Poor’s dwar l-Korporazzjoni Enemalta, li fiha tgħid, li l-unika mezz biex il-pajjiż jiġġenera enerġija b’rati sostanzjalment aktar baxxi minn tal-lum huwa permezz tal-investiment interconnector ma’ Sqallija, u dan jikkonferma s-serjetà u l-fattibilità tal-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-istess nifs, tkompli tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, il-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport ta’ Standard and Poor juru kif il-proposta tal-Partit Laburista, li jrid jinvesti f’Power Station oħra li l-pajjiż m’għandux bżonn, flimkien ma’ terminal bit-tankijiet tal-gass f’Marsaxlokk, għal valur ta’ madwar 600 miljun ewro, ma tagħmilx sens, u mhux se twassal għal roħs fil-kontijiet. Il-Partit Nazzjonalista qal li kif kkonfermaw il-kumpanija ta’ awdituri indipendenti KPMG, il-proposta tal-Labour se tfisser żieda tal-kontijiet b’5%. Standard and Poor’s jikkonfermaw li din il-proposta tal-Labour dwar rohs fil-kontijiet iwassal biex il-credit rating agency tiddowngradja lill- Enemalta.

Il-Partit Nazzjonalista qal li din hija konferma oħra ta’ kif il-proposta tal-Labour ma treġix u mhux ta’ b’xejn li sparixxiet mill-aġenda tal-Labour.