Il-PN jgħid li se jipparteċipa fil-konsultazzjoni dwar ir-riforma fil-Kunsilli Lokali

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni li se jniedi l-Gvern.
Fi stqarrija, il-PN qal li fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, il-Kelliem tal-PN għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar qal li b’hekk ir-riforma indikata mill-Gvern tkun tirrifletti wkoll il-ħsibijiet tal-Oppożizzjoni.
L-istqarrija tgħid ukoll li fl-aħħar jiem, Cutajar kellu tliet laqgħat uffiċjali mas-Segretarju Parlamentari, mad-Direttur tal-Kunsilli Lokali Adrian Mifsud u mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
F'dawn il-laqgħat, Robert Cutajar tkellem dwar dak li l-Oppożizzjoni se tkun qed taħdem fix-xhur li ġejjin b'rabta mal-Kunsilli Lokali.
Tkellem ukoll dwar li l-Oppożizzjoni lesta tikkontribwixxi u tagħti s-sehem tagħha fir-riforma li l-Gvern qed jgħid li se jkun qed jagħmel.
Ritratt: Roderick Cachia