Aġġornata: Il-PN jgħid li se jiġġieled l-intimidazjoni u d-diskriminazzjoni politika

Il-Partit Nazzjonalista akkuża lill-Prim Ministru Joseph Muscat b’intimidazzjoni u diskriminazzjoni politika.
Mario de Marco u Beppe Fenech Adami sostnew li l-Prim Ministru attakka uffiċjali li allegatament għaddew informazzjoni lill-eks-Ministru Tonio Fenech.
Huma kkonfermaw li ttieħdu azzjonijiet dixxiplinarji fil-konfront ta’ uffiċjali fil-Bank Ċentrali, li jinsab bil-leave sfurzat bla ħlas u uffiċjal ieħor fl-Uffiċċju tal-Istatistika li ġie sospiż.
De Marco u Fenech Adami sostnew li dawn l-azzjonijiet dixxiplinarji ttieħdu minħabba t-twemmin politiku ta’ dawn l-uffiċjali.
Enfasizzaw li minn dak li ġie ppubblikat fil-gazzetti ma jidhirx li dawn il-persuni għaddew informazzjoni sensittiva.
Mir-rapporti li dehru fit-Torċa ssemma wkoll uffiċjal ieħor fl-MFSA li dwaru għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni dixxiplinarja.
Iż-żewġ Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-Oppożizzjoni tinsab lesta li tieħu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex tiddefendi lill-ħaddiema.
Sostnew li l-Partit Nazzjonalista jinsab lest li jressaq il-każ quddiem il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minħabba ksur fl-indipendenza tal-Bank Ċentrali u l-NSO.
Enfasizzaw li ż-żewġ istituzzjonijiet huma indipendenti mill-Gvern u m’għandux ikun hemm indħil mill-Prim Ministru.
De Marco u Fenech qalu li l-GWU qed tuża l-gażżetta tagħha biex tattakka lill-ħaddiema u appellaw lill-unjins kollha sabiex jiddefendu lill-ħaddiema mill-persekuzzjoni politika.
Filwaqt li enfasizzaw li kulħadd għandu dritt li jkollu twemmin politiku kkritikaw lill-Prim Ministru li qed imexxi kruċjata kontra dawk li ma jaqblux politikament miegħu.
Qalu wkoll li l-Gvern qed jagħti l-protezzjoni tal-whistleblower lil dawk il-persuni li jridu jagħmlu ħsara lill-Partit Nazzjonalista.
Huma appellaw lill-Prim Ministru biex jieqaf jintimida lin-nies.

Reazzjoni Gvern
Dwar il-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista, stqarrija tal-Ministeru tal-Finanzi ssostni li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru talab lill-entitajiet konċernati li taħthom jaqgħu uffiċjali pubbliċi li allegatament għaddew informazzjoni sensittiva għal skopijiet partiġġjani sabiex jiġu investigati r-rapporti li dehru fil-gazzetti.
L-entitajiet konċernati huma awtonomi u għandhom proċessi u strutturi interni stabbiliti mil-liġijiet li jigvernawhom.
Stqarrija tal-Ministeru għall-Finanzi ssostni li persuni konċernati huma uffiċjali pubbliċi li minnhom huwa mistenni li jimxu b’korrettezza.
Dan minħabba li għandhom aċċess għal informazzjoni li tista’ tintuża b’mod skorrett biex timmina x-xogħol tal-Gvern.
L-istqarrija tkompli li d-direttivi li japplikaw għall-uffiċjali pubbliċi kollha kienu direttivi li daħlu fis-seħħ taħt amministrazzjonijiet preċedenti u kienu japplikaw meta Mario de Marco u Beppe Fenech Adami kienu parti mill-Kabinett.