Il-PN jgħid li mhux aċċettabbli d-dewmien fl-iskema FEAD tal-UE

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex jindirizza problemi li jista’ jkun hemm fl-iskema FEAD tal-Unjoni Ewropea.
Malta mistenni li tirċievi madwar €4 miljun għas-snin 2014-2020.
Il-Partit Nazzjonalista qed isostni li l-Gvern għadu jrid jiffinalizza d-dettalji tal-implimentazzjoni ta’ din l-iskema.
Il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola u Paula Mifsud Bonnici spjegaw li din l-iskema tgħin biex jonqos il-piż tal-persuni l-iżjed vulnerabbli f’Malta u Għawdex.
Sostnew li dan id-dewmien qed jaffettwa b’mod negattiv lill-familji li jiddependu minn skemi bħal dawn.
Qalu li għadu mhux ċar meta din l-iskema ta’ għajnuna se tibda titqassam u hemm inċertezza dwar min hu responsabbli mill-FEAD.

Reazzjoni Gvern
F’reazzjoni, il-Ministeru għall-Familja sostna li din l-iskema hija waħda ġdida u differenti u għalhekk kellhom isiru arranġamenti ġodda.
Bil-FEAD, il-Ministeru għall-Familja jrid jipprovdi ikel lill-familji biex jonqos ir-riskju tal-faqar u jiżdied il-livell tal-għajxien tal-iktar persuni fil-bżonn.
Fi stqarrija ntqal li l-Ministeru jinsab fil-proċess li jerga’ joħroġ it-tender u qed ibassar li d-distribuzzjoni tal-ikel jibda mis-sena d-dieħla.