Aġġornata: Il-PBS jiċħad ‘bil-qawwa kollha’ l-allegazzjoni tal-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-istazzjon nazzjonali qed jipprova joqtol id-diskussjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Sostna fi stqarrija li lbieraħ il-programm Dissett, immexxi mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja, għażel li jiddiskuti l-Awtorità tal-Ippjanar.
Il-PN qal li dan seħħ fl-istess ġurnata meta l-Parlament Ewropew waqaf biex jiddiskuti l-qtil politiku ta’ Daphne Caruana Galizia, jumejn wara d-dimostrazzjoni mis-soċjetà ċivili, l-għada li l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq mozzjoni fil-Parlament biex isir dibattitu dwar it-talbiet tas-soċjetà ċivili, u fil-ġurnata li kien hawn il-Kummissjoni ta’ Kontra l-Mafja tiltaqa’ mal-awtoritajiet.
Żied jgħid li dan kollu insulenta lill-poplu, u billi jiddiskuti temi irrelevanti għal dik li sejħilha “traġedja” fil-pajjiż, l-istazzjon nazzjonali qed jimmanipula u jinjora dal-qtil, li l-PN enfasizza li hu “qtil politiku”.
"Il-PBS qed ikompli b'rappurtaġġ estensiv dwar il-qtil ta' DCG" – PBS
L-istazzjon nazzjonali rreaġixxa għal din l-allegazzjoni tal-PN, meta qal li se jkompli bir-rappurtaġġ estensiv tad-delitt ta' DCG.
Semma kif fil-jum tad-delitt kien l-ewwel li beda jxandar dirett dwar id-delitt, trażmissjoni li bdiet fl-4pm u baqgġet sejra sas-7.30pm. Żied jgħid li dakinhar tliet kwarti mill-bulletin tal-aħbarijiet tat-8pm kien deddikat għal dan il-każ. 
"Fil-jiem ta’ wara d-delitt sa lbieraħ stess, l-istejjer relatati ma’ dan id-delitt kienu l-ewwel stejjer fil-bulletin tal-aħbarijiet. Il-web tal-istazzjon kellu wkoll xandiriet diretti fosthom il-quddiesa tal-Arċisqof mill-knisja tal-Bidnija u anke id-dibattitu fil-Parlament Ewropew", kompla jiġġustifika l-PBS.
Sostna li kull storja ta’ relevanza ġew irrappurtati estensivament fis-servizzi tal-aħbarijiet kemm ta’ Television Malta, Radju Malta u fuq tvm.com.mt
"Il-programmi ta’ diskussjoni kollha ttrattaw dal-każ u anke meta kien hemm il-ħtieġa inbidel is-suġġett. Dan ġara darbtejn f’Realtà, darbtejn f’Extra u darbtejn f’Xarabank inkluż fl-edizzjonijiet li jmiss. L-għada tad-delitt, Dissett ittrattah ukoll. Ġie trattat ukoll fil-programm tar-radju Għandi xi Ngħid. Tul daż-żmien ukoll, il-PBS ipprovdiet appoġġ tekniku bla ebda kundizzjoni lil mezzi tax-xandir barranin."
Il-PBS temm jgħid li l-istazzjon ġie mfaħħar minn kulħadd għas-servizz professjonali li ta.