Il-PN jgħid li l-Maltin se jkomplu jinsterqu għal 3 xhur

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Maltin se jkomplu jinsterqu kull darba li jmorru jagħtu l-fuel għal mill-inqas tliet xhur oħra.
Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Enerġija Marthese Portelli waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjegat kif għall-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern, qed iħallsu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Spjegat li minkejja l-propoganda qarrieqa tal-Prim Ministru, ċ-Chief of Staff tiegħu u l-Ministru Konrad Mizzi dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, il-familji u n-negozji Maltin mhux talli ilhom minn tal-anqas 15-il xahar jinsterqu, iżda issa ngħataw garanzija li l-prezzijiet se jibqgħu fost l-ogħla fl-Ewropa sal-aħħar ta’ Ġunju.
Marthese Portelli fakkret li fl-aħħar diskors tal-budget, il-Prim Ministru qal li jrid li l-poplu Malti u Għawdxi jkun bħal dak tal-Lussemburgu. Sostniet li llum-il ġurnata, l-poplu tal-Lussemburgu jħallas 88ċ għal kull litru diesel u €1.02 għal kull litru petrol, li jfisser 26ċ anqas għall-petrol u 27ċ anqas għad-diesel.
Temmet tgħid li dan minbarra l-fatt li l-pagi fil-Lussemburgu huma tliet darbiet aktar minn dawk f’Malta.