Il-PN jgħid li l-Koperattivi huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku

Hekk kif illum qed jiġi ċċelebrat il-Jum Internazzjonali tal-Koperattivi, il-Partit Nazzjonalista qal li jemmen li l-koperattivi huma msieħba importanti biex jinkisbu l-miri għal żvilupp sostenibbli, kif stabbilit min-Nazzjonijiet Magħquda, b’miri ċari sal-2030.
Il-Kelliem Nazzjonalista Robert Arrigo qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-koperattivi jrawwmu d-demokrazija, jħaddnu l-prattika tal-inklużjoni soċjali u joperaw b’għożża l-ambjent. Dan minbarra l-fatt li l-koperattivi jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija.
F'Settembru li għadda, bħala parti minn aġenda ġdida ta’ żvilupp sostenibbli, in-Nazzjonijiet Magħquda addottat sett ta’ 17-il mira ambizzjużi biex fil-15-il sena li ġejjin, jintemm il-faqar, tiġi protetta l-pjaneta mit-tibdil fil-klima, u tiġi garantita ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali għal kulħadd.
Fi stqarrijja ntqal li l-Partit Nazzjonalista huwa kommess li, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew, ikompli jagħti l-kontribut xieraq lis-soċjetà biex jitwettqu dawn il-miri.