Il-PN jgħid li l-każ ta’ Cafè Premier huwa skandlu

Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista Jason Azzopardi u Ryan Callus sostnew li l-mod kif xahrejn wara l-elezzjoni ġenerali, il-Gvern ħallas €4.2 miljun biex akkwista l-bini u l-art ta’ Cafe’ Premier fil-Belt Valletta huwa wieħed skandaluż.
Qalu l-poplu Malti kellu jħallas din is-somma biex id-dejn li kellhom is-sidien tal-kumpanija Cities Entertainment jispiċċa darba għal dejjem.
Sostnew li din is-somma tinkludi wkoll €210,000 f’kummissjoni.
Ryan Callus staqsa jekk il-Prim Ministru Joseph Muscat hux beħsiebu li man-negozji li jkollhom xi forma ta’ dejn kemm mal-bank kif ukoll mal-Gvern, jimxi bl-istess mod kif mexa mas-sidien ta’ Cities Entertainment.
Qal li din is-somma tħallset biex il-Gvern ħa lura art u bini li huma tiegħu stess.
Jason Azzopardi qal li d-deċiżjoni tal-Gvern waslet waqt laqgħa tal-Kabinett.
Qal li huwa stramb li fl-investigazzjoni li saret mill-Pulizija, ma ġiex determinat għaliex tħallset is-somma ta’ 210,000 lil wieħed mis-sidien ta’ Cafè Premier.
Sostna li skont is-sid l-ieħor, dan is-somma kienet kummissjoni.
Il-kelliema qalu li l-Partit Nazzjonalista diġa’ talab lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-każ.