Il-PN jgħid li l-informazzjoni kollha fuq l-Enemalta trid tingħata fil-Parlament

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li l-Oppożizzjoni tinsab lesta li tiddiskuti kull abbozz ta’ liġi importanti bħalma huwa tal-Enemalta anke fix-xahar ta’ Awwissu.
L-Oppożizzjoni insistiet li għad-Deputati tagħha l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi jiġi qabel kull interess personali ieħor.
L-istqarrija ssostni li l-Parlament Malti huwa demokratiku u għalhekk l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tinsisti li d-dokumenti għandhom jiġu ppubblikati għaliex il-Parlament jirrappreżenta l-poplu u għandu kull dritt li jkollu l-informazzjoni kollha li hemm bżonn.
L-informazzjoni trid tingħata qabel ma jsir dibattitu jew jittieħed vot f’settur importanti għal Malta bħalma huwa l-enerġija.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu ġie mwiegħed Gvern trasparenti u issa wasal iż-żmien li Joseph Muscat iżomm ma’ din il-wegħda.