Il-PN jgħid li l-Gvern ittradixxa lis-sajjieda Maltin

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Sajd Toni Bezzina qal li l-Gvern rema’ lis-sajjieda u l-familji tagħhom meta naqas milli jappella sentenza tal-Qorti li tippermetti lis-sajjieda barranin li jistadu fil-baħar Malti.
Qal li din is-sentenza lliberat sajjied barrani li nqabad jistad f’baħar Malti. Toni Bezzina qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Marsaxlokk flimkien mal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Aaron Micallef.
Toni Bezzina qal li d-deċiżjoni tal-Gvern li ma jappellax din is-sentenza tfisser li rema’ għal kollox protezzjoni għas-sajjieda li ġiet innegozjata minn amministrazzjoni preċedenti li se setgħu iżommu protezzjoni tal-baħar Malti sa 25 mil ‘il barra mill-kosta.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll fuq dawk li ddeskriva bħala sfidi għas-sajjieda fosthom il-ħsara fl-iskallijiet ta’ Marsaxlokk, il-kwistjoni tal-ħlasijiet għall-korsijiet tal-liċenzja nawtika u l-proposta li s-sajjieda ma jibqgħux jipparkjaw il-vetturi tagħhom mal-moll.