Il-PN jgħid li l-faqar u l-problemi soċjali f’Għawdex qed jiżdiedu

Il-Partit Nazzjonalistqa qal illi f’Għawdex qegħdin jiżdiedu l-każijiet ta’ faqar u l-problemi soċjali.

Waqt laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet ta’ Għawdex, skont il-Partit Nazzjonalista, ħareġ ċar li dawn il-każijiet f’Għawdex qegħdin jiżdiedu, u li l-Gvern ftit li xejn qed jagħmel biex jindirizza dawn il-problemi.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Nazzjonalista u ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said, intqal li d-Deputati Chris Said u Kevin Cutajar insistew li l-Gvern għandu jagixxi u jibda billi jagħmel rapport permezz ta’ esperti biex jiġi determinat kif qed jinbidel b’mod mgħaġġel ħafna it-tessut tas-soċjetà Għawdxija u x’qed iwassal biex żgħażagħ Għawdxin jitilqu lejn Malta u diversi familji jew persuni bi problemi soċjali jirrilokaw f’Għawdex.

Il-PN spjega li l-Kumitat Parlamentari għal Għawdex twaqqaf fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni u qed jiltaqa’ kull ġimgħa. Qed jitmexxa mill-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana. Bħalissa qed jiddiskuti s-sitwazzjoni f’Għawdex konsegwenza tal-Covid-19 u t-triq ‘il quddiem. Saru diversi preżentazzjonijiet minn għaqdiet Għawdxin. Il-PN żied jgħid li fil-laqgħa ħareġ ċar ukoll li l-Ministeru għal Għawdex mhux qed jikkonsulta ma’ stakeholders importanti. L-istqarrija tkompli tgħid li l-President tal-Kunsill Reġjonali għal Għawdex Dr Samuel Azzopardi stqarr waqt il-laqgħa li ma hemm l-ebda struttura governattiva li fiha qed issir konsultazzjoni kontinwa mal-Kunsilli Lokali Għawdxin jew mal-Kunsill Reġjonali li jirrappreżenta l-istess kunsilli lokali.

Id-Deputati Għawdxin sostnew li dan huwa inkwetanti għaliex juri li nuqqas ta’ konsultazzjoni u nuqqas ta’ pjan konkret biex Għawdex joħroġ minn din is-sitwazzjoni fl-iqsar żmien possibbli u bl-inqas danni possibbli.

Il-Kumitat Parlamentari segwa wkoll preżentazzjoni dwar l-isport f’Għawdex u d-Deputati Ghawdxin urew il-preokupazzjoni tagħhom li minkejja li issa jistgħu jiġu prattikati ċerti dixxiplini sportivi l-Gozo Sports Complex, l-uniku kumpless sportiv f’Għawdex se jibqa’ magħluq għall-pubbliku għaliex qed jintuża mid-Dipartiment għall-Protezzjoni Ċivili. Huma appellaw biex dan jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku sportiv Għawdxi u jinstab post alternattiv għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.