Il-PN jgħid li huwa kontra kull taxxa fuq l-ikel

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa kontra kull introduzzjoni ta' taxxa fuq l-ikel u li fil-ġlieda kontra l-obeżità, jeħtieġ azzjoni bil-fatti favur in-nies. 
Il-kelliem Nazzjonalista għall-Ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus u dak għall-Edukazzjoni Clyde Puli qalu li n-nies jixraqilhom spazji aktar miftuħa għar-rikreazzjoni u aktar skemi li jħajjru liż-żgħażagħ jipprattikaw dixxiplini sportivi. 
Qalu li l-Gvern naqas ukoll milli jagħmel l-aħjar użu mill-iskema tal-frott u l-ħaxix għat-tfal fl-iskejjel, fejn qalu li qed jitqassam “frott qares u ħaxix mgħolli f'pakketti mhux issiġillati”. 
Appellaw lill-Gvern joħloq skemi u inċentivi ġodda biex l-ikel bnin ikun aċċessibbli bi prezzijiet aktar raġjonevoli għall-familji Maltin.
Iktar kmieni l-MEP Nazzjonalista Francis Zammit Dimech qal li l-prijorità li jmiss fil-ġlieda kontra d-dijabete għandha tkun it-twaqqif mill-ġdid ta' kumitat Parlamentari dwar id-djabete fil-Parlament Malti.
Tkellem ukoll id-deputat Nazzjonalista Mario Galea li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern qed jikkunsidra li jwettaq il-proposta tiegħu għall-għoti ta' continuous glucose monitors lill-persuni li jbatu bid-dijabete tat-Tip Wieħed.