Il-PN jgħid li d-deċiżjoni tal-gvern dwar Franco Mercieca hija ‘skandaluża’

Ir-raġunijiet mogħtija mill-Prim Ministru Joseph Muscat li jħalli lis-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca jipprattika bħala kirurgu tal-għajnejn, kemm fl-isptar Mater Dei kif ukoll fil-privat, tmur kontra l-kodiċi tal-etika għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija li ħarġet iktar tard illum.

Il-PN qal li din id-deċiżjoni terġa tikkonferma li dan il-Gvern qiegħed imur kontra l-wegħdiet li kien għamel meta kien fl-Oppożizzjoni.

L-istqarrija tgħid li l-kodici ta' etika mhux hemm biex tikkwotah biss meta jaqbillek. L-anqas ma hu qiegħed hemm biex taħbih ħalli tkun tista tieħu deċiżjoni minn wara dahar il-poplu Malti u mingħajr ebda raguni valida.

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Prim Ministru issa ħoloq sitwazzjoni skandaluża li permezz tagħha Franco Mercieca mhux biss qed imur kontra l-kodiċi tal-etika imma qed iqatta inqas ħin jiffoka fuq dik li issa hi r-responsabbilta’ primarja tieghu, ix-xogħol tiegħu bħala Segretarju Parlamentari għall-Anzjani.