Il-PN jemmen fil-ħiliet tan-nies u mhux lil min taf – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’intervista qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħiliet ta’ kulħadd u semma kif taħt gvernijiet Nazzjonalisti f’Malta ġew industriji ġodda. Huwa semma li l-Partit Nazzjonalista jemmen fil-ħiliet tal-persuna u mhux biex tkun pro business trid tkun taf xi ministru.

Adrian Delia kien qed jiġi intervistat mill-preżentatur u ġurnalist Saviour Balzan bħala parti mill-attivitajiet tal-Indipendenza għal din is-sena. Delia qal li l-PN ma jridx li Malta jkollha ekonomija bbażata biss fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni jew taċ-cheap labour.

Delia kompla li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled kontra l-korruzzjoni u semma’ l-kawża li fetaħ fil-Qorti sabiex il-kuntratt tal-Vitals jiġi null. Fakkar li l-Partit Nazzjonalista se jerġa’ jmur quddiem il-Qorti Kostituzzjonali biex jiġi ppublikat ir-rapport Egrant.

Waqt l-istess intervista l-Kap Oppożizzjoni semma l-ittra li bagħat liċ-Chairperson tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi sabiex jiġu investigati żewġ rapporti li dehru fil-midja li jikkonċernaw uffiċjali tal-MFSA.

Ara: Il-PN jitlob lill-PAC jinvestiga lill-MFSA

Adiran Delia qal li hu mhuwiex il-Partit Nazzjonalista u semma’ kif il-PN irid li min jivvota mhux bilfors ikun Nazzjonalist iżda jivvota għax jemmen li l-PN jista’ jibdel il-ħajja tan-nies għall-aħjar. Ikkonkluda li l-Partit Nazzjonalista jrid jibqa’ viċin in-nies għax jemmen li l-politika għandha tkun ta’ servizz għan-nies u l-familji.

“Delia ma tafx fejn qiegħed miegħu” – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista sostna li l-intervisti ma’ Delia juru li ma taf fejn qiegħed miegħu. Il-PL semma li l-akbar eżempju ta’ dan huwa l-mina bejn Malta u Għawdex hekk kif sostna li l-PN wiegħed il-mina fil-manifest tal-aħħar elezzjoni ġenerali u vvota favuriha fil-Parlament.