“Il-PN jeħtieġ aġġornament politiku” – Perici Calascione

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Perici Calascione qal li l-Partit Nazzjonalista għandu jibda proċess ta’ aġġornament politiku.
Perici Calascione qal li l-Partit Nazzjonalista jrid isir aktar proattiv, jifhem lis-soċjetà aħjar u jaġġorna l-politika tiegħu skont l-evoluzzjoni tas-soċjetà.
Huwa saħaq li dan ma jfissirx li jispiċċa dak li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fih, imma li jifhem ir-realtajiet u ċ-ċirkostanzi tal-poplu li jirrappreżenta.
Il-kandidat qal li għandha titwaqqaf Kummissjoni apposta li tattendi l-laqgħat tal-forum distrettwali u tikkonsulta ma’ persuni, entitajiet u korpi oħra.
Temm jgħid li l-partit jeħtieġ li jerġa’ jkun fuq quddiem fit-tfassil tal-aġenda politika.